‘ArtHall’ f’Għawdex tagħti bidu għall-Programm tas-sena bil-Wirja Kollettiva ‘Reflections’ – Illum

Link: https://www.illum.com.mt/kultura/arti/69465/arthall_fgawdex_tagti_bidu_gallprogramm_tassena_bilwirja_kollettiva_reflections_

Fis-6 ta’ Jannar, fetħet il-wirja ‘Reflections’ f’Arthall, fir-Rabat Għawdex. Il-wirja hija sforz kollaborattiv bejn it-tliet artisti Tomas Hed, Kristina Huxley, u Jane Birchall

Fis-6 ta’ Jannar, fetħet il-wirja ‘Reflections’ f’Arthall, fir-Rabat Għawdex. Il-wirja hija sforz kollaborattiv bejn it-tliet artisti Tomas Hed, Kristina Huxley, u Jane Birchall.

L-artisti qed jesponu xogħlijiet mill-kollezzjonijiet individwali tagħhom, li kollha jsegwu t-tema ġenerali ta’ ‘Reflections’, iżda jvarjaw fil-mezz u fl-interpretazzjoni. Ix-xogħlijiet jittrattaw, kemm il-limiti bejn dak li nipperċepixxu u r-realtà, kif ukoll il-post tagħna fis-soċjetà. Barra minn hekk, l-artisti jesploraw kif is-sensi jaffettwaw l-esperjenza tar-realtà tagħna.

Il-viżitaturi jistgħu jistennew kollezzjoni ġdida mill-artist residenti Tomas Hed; żewġ pitturi mill-artista Irlandiża Kristina Huxley (li għandha xi xogħlijiet fil-kollezzjoni permanenti tar-Rothko Museum), li jirriflettu d-dawl u b’hekk jaġixxu bħala mera; kif ukoll xi ċeramika ta’ Jane Birchall, artista taċ-ċeramika Għawdxija.

Filwaqt li jippreżenta l-kaos li niltaqgħu miegħu kuljum, Hed jesplora wkoll dak li mhuwiex magħruf (the unknown) li lkoll inħossu li b’xi mod joqgħod fina. L-użu tal-canvases suwed huwa diverġenza min-norma tal-arti, waħda li tkabbar is-sens ta’ spazju u fond fil-pitturi. Dawn l-elementi jeżaminaw il-limitazzjonijiet tas-sensi tagħna kontra d-dlam, u jfakkruna fil-kollezzjoni ‘Black Paintings’ ta’ Francisco Goya.

Huxley tikkontribwixxi biż-żewġ pitturi tagħha ‘Cataclysm I’ u ‘Cataclysm II’. Għalkemm dawn jidhru sereni u trankwilli mal-ewwel daqqa t’għajn, ħarsa oħra turi li l-pitturi jirreaġixxu, kemm ma’ dak ta’ madwarhom, kif ukoll mal-osservatur, u b’hekk jaqbel perfettament mat-tema tar-riflessjoni. Fil-fatt, il-pitturi jinbidlu kontinwament u juru stampi differenti skont l-angolu minn fejn wieħed iħares lejhom.

Ix-xogħlijiet ta’ Birchall għandhom kuluri u nisġa li jfakkruna fis-sbuħija naturali t’Għawdex. Kull ċeramika hija maħduma individwalment mill-ġebel, imbagħad wara gglejżjata u maħruqa ħafna drabi. L-ismijiet tagħhom huma meħudin minn postijiet jew okkażjonijiet li Huxley tassoċja magħhom.

‘Reflections’ se tibqa’ miftuħa f’ArtHall sat-28 ta’ Jannar. Żur is-sit uffiċjali (https://arthallgozo.com/) biex tixtri waħda minn dawn ix-xogħlijiet jew sempliċement issib aktar informazzjoni dwar l-artisti jew il-wirja.